Metafora marbuta mal-ħajja ta’ kull persuna hija bla dubju ta’ xejn dik tal-pellegrinaġġ, il-passaġġ li persuna tagħżel li tgħaddi minnu hekk kif itterraq f’ħajjitha minn stat għall-ieħor, fit-tiftix kontinwu tal-ferħ u tas-sens tal-ħajja.
It-tradizzjoni Nisranija tesprimi l-ħsieb ta’ dan il-passaġġ hekk kif tikkontempla l-mixja tal-pellegrin mill-fonti tal-Magħmudija sa dik is-siegħa sabiħa li fiha l-bniedem – fil-ħin ta’ mewt – jara l-wiċċ tant mixtieq ta’ Kristu Rxoxt. Għalhekk, il-ġnien jagħmel possibbli din l-esperjenza fejn persuna tagħżel li tterraq tul il-ġnien pass wara pass, immexxija wkoll minn sens ta’ kurżità hi u timxi t-triq kollha. Din hija wkoll l-istess xewqa fil-ħajja ta’ kull persuna li tterraq f’dawn il-passaġġi; ix-xewqa li tasal mhux tant fejn tixtieq hi, daqskemm fejn iridha l-Mulej.
Minn fejn tinbet din ix-xewqa tal-vjaġġ? Tibda mis-smigħ tal-Kelma t’Alla. Id-disinn tas-sala prinċipali jrid jgħinek tħossok, int u toqgħod bilqiegħda – protett minn struttura li tissimbolizza qafas kustilji li jipproteġi l-pulmun – li qed tieħu n-nifs, in-nifs tal-Kelma t’Alla, l-istess bħal dak l-ewwel nifs li tak il-ħajja.
Is-Soċjetà tal-MUSEUM trodd ħajr lill-Professur Richard England li huwa l-arkitett ta’ dan il-proġett u lill-Perit Dorianne Cachia li ħadet ħsieb id-disinn u x-xogħol tas-sala minn ġewwa kif ukoll lill-iskultur John Grima u lid-ditta Domus Dei ta’ Ruma għall-istatwa tal-bronż tal-Irxoxt li tinsab fil-kappella tal-ġnien.